L-ispirtu tal-Karmelu jaffaxxinani
Jiena Glen Attard minn H’Attard. Bħalissa qiegħed noqgħod Salamanca (Spanja) għas-sena tan-Novizzjat tiegħi. Hawnhekk nixtieq naqsam miegħek l-esperjeza vokazzjonali tiegħi. U għażilt li nibda’ bi storja, parabbola:
Kien hemm żewġt’ iħbieb jisimhom Jum u Lejl. Kienu jgħaddu jiem u ljieli sħaħ fil-kumpanija ta’ xulxin. Kienu jagħmlu kollox flimkien: jitolbu, jgħinu, jistudjaw, jilgħabu, jiddiskutu, joħorġu ... Kienu joqogħdu bieb ma’ bieb u kieku qatt kont tara lil wieħed mingħajr l-ieħor! Mela darba fost l-ohrajn Jum siefer u Lejl spiċċa jagħmel kollox waħdu. Ma kienx ikun jaf fejn se jaqbad jagħti rasu mingħajr sieħbu. Qatt daqs dik il-ħabta ma kien japprezza x’ħabib ta’ veru kien Jum għalih. Kien jistenna kuljum li Jum jiġi lura. Kien ihoss ħafna n-nuqqas tieghu u ta' tant mumenti sbieħ li qattgħu flimkien. U għaddew is-snin! U Jum reġa’ lura u mhux talli sab lil Lejl jistennieh iżda talli qatt daqs wara dak inhar ir-relazzjoni tagħhom ma kienet daqshekk tajba.
Din l-istorja li qatt ma ġrat iżda li tiġri kuljum tiġbor ħelu ħelu dak li nixtieq naqsam magħkom. Il-Mulej huwa magħna! Dejjem lest biex jeħlisna mill-għarqa! Il-Mulej jinsab jakkumpanjana permezz taċ-ċirkustanzi l-aktar ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum.Niftakar li sa minn tfuliti dejjem kont inħoss xi ħaġa li togħġobni fil-qassisin imma qatt ma ħadtha bis-serjetà. Mas-snin il-Mulej urieni xi jrid minni imma aktar ma tajtx kas. Kelli diġà ppjanat f’moħħi li rrid inkompli nistudja l-mużika jew ix-xjenzi. Id-direttur tal-grupp vokazzjonali taż-żmien li fih kont għadni nattendi l-Kulleġġ San Elija kien jistedinni mmur xi live-in imma jien qatt ma ridt. Eżattament għadni ma nafx għalfejn s’issa!
Però sewwasew il-Mulej ma jaqta’ qalbu qatt u rnexxielu jġennini għal warajh. Fil-forms 5 u 6 bdejt nattendi live-ins u esperjenzi ma’ l-istudenti u l-prenovizzi fid-Dar tal-Formazzjoni, il-Balluta. Bil-mod il-mod dak li qatt ma tajt kasu minn tfuliti, u li kien ilu jinġema tul l-adoloxxenza, beda ħiereġ u bdejt niskopri affarjiet totalment ġodda. Bdejt niskopri kemm il-Mulej iħobbna b’mod ta’ l-għageb. Bdejt niskopri s-sabiħ u l-għaxqa li wieħed jagħżel li jagħti ħajtu biex imbagħad terġa’ tingħata lilu mitt darba aqwa.
Fl-ewwel ta’ Settembru tas-sena 2004 bdejt il-prenovizzjat fl-Ordni Karmelitan ġewwa l-kunvent tal-Balluta. Tul it-tliet snin tal-prenovizzjat kbirt ħafna u ħallejt lili nnifsi nitmexxa minn dak li l-Mulej ipoġġi quddiemi fit-triq spiritwali. Jum wara jum il-Mulej baqa’ jisraqli qalbi sakemm indunjat li ma nistax ngħix mingħajru. Fl-ewwel ta’ Settembru tas-sena 2007 bdejt in-novizzjat ġewwa Spanja. Fil-formazzjoni din hija esperjenza aktar profonda ta’ xi tfisser li tkun tal-Mulej permezz tal-Konsagrazzjoni Reliġjuża fil-ħajja Karmelitana. Hija sena unika li fiha l-persuna għandha l-possibilità li ssir taf iktar lilha nnifisha u lill-Maħbub tagħha, li tħobbu iżjed, li tinnamra miegħu iżjed, li tintelaq u tabbanduna lilha nnifisha fiH.
Nidentifika ħafna lili nnifsi ma’ dawn iż-żewġt’ iħbieb ta’ hawn fuq - Jum u Lejl. Matul il-vjaġġ spiritwali tagħna xi kultant insibu ruħna bħal Lejl fid-dlam... mingħajr id-dawl ta' Jum. Id-dgħajsa tagħna ssib baħar imqalleb u l-unika ħaġa li nkunu nistgħu nagħmlu huwa li bħall-appostli ngħajtu, “Salvana, Mulej, għax se nintilfu”. Imma la l-Mulej magħna m’għandniex għax nibżgħu jew nitilfu l-fiduċja għax fil-ħin li ngħajtulu jiġi biex jeħlisna mill-għarqa billi jsikket it-tempesta. L-unika ħaġa li nkunu nistgħu nagħmlu huwa li bħal-Lejl nistennew il-Jum ifeġġ bid-dawl tiegħu. Il-Lejl qatt ma tilef it-tama li jasal li jerġa’ jara lil Jum. Dak li jħobb lil Alla qatt ma jitlef il-fiducja li għad xi darba jaraH wiċċ imb’wiċċ, li għad xi darba jasal biex jingħaqad miegħu, li jinbidel fiH sakemm ma nkunx iżjed jien li ngħix iżda Kristu li jgħix fija.
Dan huwa l-għan tal-ħajja kkonsagrata lil Alla: li r-ruħ tingħaqad ma’ Alla u tagħtih lid-dinja li fiha tgħix.
Glen Attard, novizz ocarm.
Comments